Thursday, November 12, 2009

L-“Angelus” - il-misteru tal-Inkarnazzjoni


Kull jum, meta ngħidu t-talba tal-Angelus jkollna opportunità li nimmeditaw għal ftit mumenti, qalb il-ħidmiet kollha tagħna, fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla.  F’nofs in-nhar, meta inkunu diġa bdejna nħossu l-għejja ta’ l-ewwel siegħat tal-jum, id-disponibiltà u l-ġenerożità tagħna jkunu mġedda meta nikkontemplaw l-“iva” ta’ Marija.

Din l-“iva” ċara u bla kundizzjonijiet għandha l-għeruq tagħha fil-misteru tal-libertà ta’ Marija, ħelsien sħiħ u għal kollox quddiem Alla, maqtugħ għal kollox minn xi rabta mad-dnub, bis-saħħa tal-privileġġ tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha.

Dan il-privileġġ mogħti lil Marija, li jaqtagħha mill-kundizzjoni komuni tagħna, ma jbegdhiex minna, iżda għal kuntrarju, iressaqha iktar lejna.  Filwaqt li d-dnub jifred, jifridna minn xulxin, is-safa ta’ Marija tqarribha b’mod infinit lejn qalbna, attenta għal kull wieħed minna u xewqana għal veru ġid tagħna.

Dan jidher fis-santwarji Marjani kollha.  Folol bla qies jiffullaw f’riġlejn Marija biex jafdawlha l-ħsibijiet l-iktar intimi tagħhom, ix-xewqat l-iktar profondi ta’ qalbhom.  Dak li ħafna, minħabba l-mistħija jew il-modestja, ma jafdawx ma dawk li huma l-eqreb u l-iktar għeżież tagħhom, huma jafdawh lilha li hi kollha safja, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha: bis-sempliċità, mingħajr tidwir, fil-verità.  Quddiem Marija, minħabba l-istess safa tagħha, l-bniedem ma jaħsibhiex darbtejn biex jikxef id-dgħjufija tiegħu, li jesprimi d-dubju u l-mistoqsijiet tiegħu, li jfassal t-tamiet u x-xewqat l-iktar sigrieti tiegħu.

Sunday, November 1, 2009

Sliem Għalik, SULTANA, OMM TAL-ĦNIENA

“Tifsir fuq is-Salve Regina” minn “Il-Glorji ta’ Marija” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Bħalma l-Verġni glorjuża Marija ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Omm tas-Sultan tas-Slaten; mhux mingħajr raġuni li l-Knisja tagħtiha ġieħ, u tixtieqha li tkun meqjuma minn kulħadd, bit-titlu glorjuż ta’ Sultana.


Marija hija Sultana tant ħelwa, u ħanina u dejjem lesta biex tgħin fil-miżerji tagħna, li l-Knisja mqaddsa tridna nsellmulha f’din it-talba tas-“Salve Regina’ bit-titlu ta’ Sultana tal-Ħniena.

“It-titlu ta’ Sultana” jgħid San Albert il-Kbir, “huwa differenti minn dak ta’ Imperatriċi, li jimplika qilla u ħruxija filli (dak ta’ Sultana) jfisser ħniena u mħabba għall-foqra”. “Il-kobor tar-Rejiet u l-irġejjen”, jgħid Seneca, “jikkonsisti filli jtaffu l-miżerja”, u filwaqt li t-tiranni, meta jiggvernaw, jimpurtahom li jagħamlu dak li jaqblilhom, is-slaten għandu jkollhom għall-qalbhom l-interess tas-sudditi tagħhom.

Marija hija sultana tal-ħniena, moħħa biss li tħenn u taħfer lill-midinbin. Għal din ir-raġuni l-Knisja tridna nsejħulha espressament “is-Sultana tal-Ħniena”. San Tumas jgħid li meta l-Verġni Mbierka nisslet lil Verb Etern f’ġufha, u wellditu, hija rċeviet nofs is-saltna ta’ Alla; tant li hija hi s-Sultana tal-Ħniena, bħalma Ġesù Kristu huwa s-Sultan tal-Ġustizzja.