1. Omm il-Feddej għandha post preċiż fil-pjan tas-salvazzjoni, għaliex “meta waslet il-milja taż-żmimijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba Missier!” (Gal4,4-6)
B’dan il-kliem ta’ l-Appostlu San Pawl San Pawl, li bih il-Konċilju Vatikan II beda jitkellem dwar il-Verġni Marija, jiena wkoll irrid nibda r-riflessjoni tiegħi dwar is-sehem tal-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu u dwar il-preżenza ħajja tagħha, ta’ eżempju mill-aqwa, fil-ħajja tal-Knisja. Għaliex dan il-kliem fl-istess waqt ifakkar:
- l-imħabba tal-Missier,
- il-missjoni ta’ l-Iben,
- id-don tal-Ispirtu s-Santu,
- il-mara li minnha twieled il-Feddej, u
- l-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla fil-misteru tal-“milja taż-żmien”.
- turi l-waqt magħżul sa minn dejjem, li fih il-Missier bagħat lil Ibnu biex “kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16);
- turi l-mument qaddis li fih “il-Verb li kien ma’ Alla …. sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1,1.14) u sar ħuna;
- turi l-mument li fih l-Ispirtu s-Santu, li ġa kien sawwab il-milja tal-grazzja f’Marija, ix-xebba ta’ Nazaret, sawwar fil-ġuf safi tagħha n-natura ta’ Kristu bħala bniedem.
- turi l-waqt li fih Dak li hu minn dejjem daħal fiż-żmien, u ż-żmien innifsu ġie mifdi, u, mimli bil-misteru ta’ Kristu, sar darba għal dejjem “żmien ta’ salvazzjoni”. U fl-aħħarnett,
- turi l-bidu misterjuż tal-mixja tal-Knisja.
Fil-Liturġja, l-Knisja ssellem lill-Verġni Marija ta’ Nazaret bħala l-istess bidu tal-Knisja, għaliex fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija tara mfissra, u mħabbra minn qabel fil-membru l-aktar għoli tagħha, l-grazzja tas-salvazzjoni ta’ l-Għid, u għaliex, fuq kollox, il-Knisja fl-Inkarnazzjoni tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ Marija marbutin flimkien b’rabta li ma tinħall qatt: ma’ Dak li hu s-sid u r-Ras tal-Knisja, ma’ Dik li meta qalet l-ewwel fiat tal-Patt il-Ġdid ħabbret il-qagħda tal-Knisja bħala Għarusa u Omm.
2. Imqawwija bil-preżenza ta’ Kristu (ara Mt. 28,20), il-Knisja timxi ’l quddiem matul iż-żminijiet sat-tmiem ta’ kollox sabiex tiltaqa’ mal-Mulej huwa u ġej. Iżda f’dan il-mixi tagħha – u nixtieq dan ngħid minnufih – “l-Knisja tgħaddi mill-istess triq li minnha għaddiet il-Verġni Marija, li mxiet dejjem il-quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi u baqgħet iżżomm sħiħ, bil-fedeltà kollha, r-rabta tagħha ma’ Binha fuq is-salib”. (Lumen Gentium 58)
No comments:
Post a Comment