__________________________________________________________________________
Filwaqt li r-Rużarju u l-indulġenzi li l-Knisja rabtet miegħu japplikaw għall-posti u l-meditazzjon fuq il-misteri biss, dan li ġej hu kif soltu jinbeda u jintemm ir-Rużarju.
1. Tħejjija
Ibda billi trod is-Salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.Imbagħad għid il-Kredu:
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art;
u f’Ġesú Kristu, Ibnu wieħed Sidna;
li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu,
twieled minn Marija Verġni;
bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilat,
sallbuh, miet u difnuh;
niżel il-Limbu,
mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet;
tela’ fis-smewwiet,
qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox;
minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu;
l-Knisja Mqaddsa Kattolika,
x-Xirka tal-Qaddisin;
il-maħfra tad-dnubiet;
il-qawma ta’ l-imwiet;
il-ħajja ta’ dejjem.
Ammen
Imbagħad għid:
“Missierna” waħda (1)“Sliema Għalik Marija” tlieta (3) (għal virtujiet tal-Fidi, t-Tama u l-Imħabba),
“Glorja” waħda (1)
(1) - Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.
(3) - Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija. Il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina, midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.
(1) - Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Ammen.
__________________________________________________________________________
2. Ir-Rużarju nnifsu
Ir-Rużarju innifsu huwa l-posti u l-misteri marbutin magħhom, u dawn biss huma meħtieġa li jintalbu biex “titlob ir-Rużarju”, kemm skond it-talba tal-Madonna, kif ukoll biex jintrebħu l-indulġenzi marbutin mat-talb tar-Rużarju.
Ir-Rużarju tradizzjonali kien mqassam fi tlett taqsimiet, kull waħda fiha ħames misteri: Tal-Ferħ, tat-Tbatija, u tal-Glorja.
Għal dawk li kienu jixtiequ jgħidu biss 5 posti kull jum, dawn kienu jingħadu skond din it-tabella:
It-Tnejn It-Tlieta l-Erbgħa Il-Ħamis Il-Ġimgħa Is-Sibt Il-Ħadd
tal-Ferħ tat-Tbatija tal-Glorja tal-Ferħ tat-Tbatija tal-Glorja tal-GlorjaFl-ittra appostolika tiegħu Ir-Rużarju tal-Verġni Marija, l-Papa Ġwanni Pawlu II ippropona sett ġdid ta’ misteri, li hu sejħilhom tad-Dawl, u li jitrattaw iż-żmien tal-ħajja pubblika tal-Mulej Tagħna. Għal dawk li jixtiequ jgħidu l-20 posta kollha f’daqqa matul ġurnata waħda, huma jistgħu jingħadu f’dan l-ordni: tal-Ferħ, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja.
Għal dawk li jixtiequ jgħidu biss 5 posti kull jum, il-Papa ippropona din it-tabella:
It-Tnejn It-Tlieta l-Erbgħa Il-Ħamis Il-Ġimgħa Is-Sibt Il-Ħadd
Tal-Ferħ Tat-Tbatija Tal-Glorja tad-Dawl tat-Tbatija Tal-Ferħ Tal-GlorjaGħal kull Misteru, filwaqt li timmedita fuq il-Misteri, rreċita:
“Missierna” waħda (1) (fuq iż-żibeġ il-kbar)
“Sliema Għalik Marija” għaxra (10) (fuq iż-żibeġ iż-żgħar)
“Glorja” waħda (1) (qabel iż-żibġa l-kbira li jmiss)
biex tkun għedt posta sħiħa tar-rużarju.
Wara kull Misteru tingħad “it-Talba ta’ Fatima” (Papa Piju XII).
O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna eħlisna min-nar ta’ l-infern, ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn tal-ħniena Tiegħek.
__________________________________________________________________________
3. It-Talb tal-Għeluq
Wara li jingħadu ħames misteri (5 posti), jew 15 jew 20, is-soltu jingħad dan li ġej:
Sliema Għalik Sultana (jew tista’ titkanta is-Salve Regina)
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik. Lilek ingħajjtu, għaliex aħna tturufnati, ulied Eva; lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. Ejja, mela, avukata tagħna, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena; u wrina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek. O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. Ammen.
V. Itlob għalina qaddisa Omm Alla.
R. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.
Talba tar-Rużarju
Nitlobu.
O Alla, li bil-ħajja, l-mewt u l-qawmien Tiegħu, Ibnek il-waħdieni qalgħalna l-premju tal-fidwa eterna. Għatina, nitolbuk, li waqt li nimmeditaw fuq dawn il-misteri tar-Rużarju mqaddes tal Verġni Mbierka Marija, nimxu fuq dak li fihom u naqligħu dak li jwiegħdu, bi Kristu Sidna. Ammen.
Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ħenn għalina.
Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, itlob għalina
__________________________________________________________________________
4. Għall-Intenzjonijiet tal-Papa
Il-Kattoliċi li jgħidu r-Rużarju fi grupp, jew, waħedhom quddiem Ġesù-Sagramentat, jistgħu jirbħu ndulġenza plenarja bil-kondizzjoniet tas-soltu, li jinkludu talba għall-intenzjonijiet tal-Papa.
Għall-ingtenzjonijiet tal-Papa:
“Missierna”,
“Sliema Għalik Marija”, u
“Glorja”.
__________________________________________________________________________
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
No comments:
Post a Comment