Sunday, November 1, 2009

Sliem Għalik, SULTANA, OMM TAL-ĦNIENA

“Tifsir fuq is-Salve Regina” minn “Il-Glorji ta’ Marija” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Bħalma l-Verġni glorjuża Marija ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Omm tas-Sultan tas-Slaten; mhux mingħajr raġuni li l-Knisja tagħtiha ġieħ, u tixtieqha li tkun meqjuma minn kulħadd, bit-titlu glorjuż ta’ Sultana.


Marija hija Sultana tant ħelwa, u ħanina u dejjem lesta biex tgħin fil-miżerji tagħna, li l-Knisja mqaddsa tridna nsellmulha f’din it-talba tas-“Salve Regina’ bit-titlu ta’ Sultana tal-Ħniena.

“It-titlu ta’ Sultana” jgħid San Albert il-Kbir, “huwa differenti minn dak ta’ Imperatriċi, li jimplika qilla u ħruxija filli (dak ta’ Sultana) jfisser ħniena u mħabba għall-foqra”. “Il-kobor tar-Rejiet u l-irġejjen”, jgħid Seneca, “jikkonsisti filli jtaffu l-miżerja”, u filwaqt li t-tiranni, meta jiggvernaw, jimpurtahom li jagħamlu dak li jaqblilhom, is-slaten għandu jkollhom għall-qalbhom l-interess tas-sudditi tagħhom.

Marija hija sultana tal-ħniena, moħħa biss li tħenn u taħfer lill-midinbin. Għal din ir-raġuni l-Knisja tridna nsejħulha espressament “is-Sultana tal-Ħniena”. San Tumas jgħid li meta l-Verġni Mbierka nisslet lil Verb Etern f’ġufha, u wellditu, hija rċeviet nofs is-saltna ta’ Alla; tant li hija hi s-Sultana tal-Ħniena, bħalma Ġesù Kristu huwa s-Sultan tal-Ġustizzja.

No comments:

Post a Comment