Thursday, November 12, 2009

L-“Angelus” - il-misteru tal-Inkarnazzjoni


Kull jum, meta ngħidu t-talba tal-Angelus jkollna opportunità li nimmeditaw għal ftit mumenti, qalb il-ħidmiet kollha tagħna, fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla.  F’nofs in-nhar, meta inkunu diġa bdejna nħossu l-għejja ta’ l-ewwel siegħat tal-jum, id-disponibiltà u l-ġenerożità tagħna jkunu mġedda meta nikkontemplaw l-“iva” ta’ Marija.

Din l-“iva” ċara u bla kundizzjonijiet għandha l-għeruq tagħha fil-misteru tal-libertà ta’ Marija, ħelsien sħiħ u għal kollox quddiem Alla, maqtugħ għal kollox minn xi rabta mad-dnub, bis-saħħa tal-privileġġ tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha.

Dan il-privileġġ mogħti lil Marija, li jaqtagħha mill-kundizzjoni komuni tagħna, ma jbegdhiex minna, iżda għal kuntrarju, iressaqha iktar lejna.  Filwaqt li d-dnub jifred, jifridna minn xulxin, is-safa ta’ Marija tqarribha b’mod infinit lejn qalbna, attenta għal kull wieħed minna u xewqana għal veru ġid tagħna.

Dan jidher fis-santwarji Marjani kollha.  Folol bla qies jiffullaw f’riġlejn Marija biex jafdawlha l-ħsibijiet l-iktar intimi tagħhom, ix-xewqat l-iktar profondi ta’ qalbhom.  Dak li ħafna, minħabba l-mistħija jew il-modestja, ma jafdawx ma dawk li huma l-eqreb u l-iktar għeżież tagħhom, huma jafdawh lilha li hi kollha safja, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha: bis-sempliċità, mingħajr tidwir, fil-verità.  Quddiem Marija, minħabba l-istess safa tagħha, l-bniedem ma jaħsibhiex darbtejn biex jikxef id-dgħjufija tiegħu, li jesprimi d-dubju u l-mistoqsijiet tiegħu, li jfassal t-tamiet u x-xewqat l-iktar sigrieti tiegħu.

Sunday, November 1, 2009

Sliem Għalik, SULTANA, OMM TAL-ĦNIENA

“Tifsir fuq is-Salve Regina” minn “Il-Glorji ta’ Marija” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Bħalma l-Verġni glorjuża Marija ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Omm tas-Sultan tas-Slaten; mhux mingħajr raġuni li l-Knisja tagħtiha ġieħ, u tixtieqha li tkun meqjuma minn kulħadd, bit-titlu glorjuż ta’ Sultana.


Marija hija Sultana tant ħelwa, u ħanina u dejjem lesta biex tgħin fil-miżerji tagħna, li l-Knisja mqaddsa tridna nsellmulha f’din it-talba tas-“Salve Regina’ bit-titlu ta’ Sultana tal-Ħniena.

“It-titlu ta’ Sultana” jgħid San Albert il-Kbir, “huwa differenti minn dak ta’ Imperatriċi, li jimplika qilla u ħruxija filli (dak ta’ Sultana) jfisser ħniena u mħabba għall-foqra”. “Il-kobor tar-Rejiet u l-irġejjen”, jgħid Seneca, “jikkonsisti filli jtaffu l-miżerja”, u filwaqt li t-tiranni, meta jiggvernaw, jimpurtahom li jagħamlu dak li jaqblilhom, is-slaten għandu jkollhom għall-qalbhom l-interess tas-sudditi tagħhom.

Marija hija sultana tal-ħniena, moħħa biss li tħenn u taħfer lill-midinbin. Għal din ir-raġuni l-Knisja tridna nsejħulha espressament “is-Sultana tal-Ħniena”. San Tumas jgħid li meta l-Verġni Mbierka nisslet lil Verb Etern f’ġufha, u wellditu, hija rċeviet nofs is-saltna ta’ Alla; tant li hija hi s-Sultana tal-Ħniena, bħalma Ġesù Kristu huwa s-Sultan tal-Ġustizzja.

Wednesday, October 28, 2009

Il-Preżentazzjoni ta’ Marija


Minn “Il-Glorji ta’ Marija” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Il-Madonna nnfisha rrivelat lil Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija li “meta missierha u ommha ħallewha fit-tempju hija ddeċidiet li żżomm lil Alla waħdu bħala missierha, u sikwit kienet taħseb kif setgħet togħġbu l-iktar”.

Hija qalet li Santa Eliżabetta li mill-kmandamenti kollha, l-iktar wieħed li dejjem żammet quddiem għajnejha kien: Inti għandek tħobb lil Mulej Alla tiegħek; u li f’nofs il-lejl marret quddiem l-altar tat-tempju biex titolbu jagħtiha l-grazzja li tħarisha kollha, u wkoll li tibqa’ tgħix biex tara t-twelid ta’ Omm il-Feddej, titolbu bil-ħniena fl-istess ħin li jħarsilha għajnejha biex taraha, lsienha biex tfaħħarha, jdejha u saqajha biex taqdiha, u irkubtejha biex tadura l-Iben divin tagħha f’ġufha.  Santa Eliżabetta, kif semgħet dan, qalet: “Iżda, Sinjura, inti ma kontx mimlija bil-grazzja u l-virtù?”  Marija wieġbet, “Kun af li jiena kont inqis lili nnifsi l-iktar persuna li ma niswa xejn u li ma jistħoqlix il-grazzja divina, u għalhekk kont nitlob bil-ħerqa biex ikolli l-grazzja u l-virtù.”

U biex inkunu ċerti mill-bżonn assolut li nitolbu lil Alla l-grazzji li neħtieġu, hija żiedet tgħid: “Taħseb inti li jiena kelli l-grazzja u l-virtù mingħajr ma tħabatt għalihom?  Kun af li jiena ma rċevejt l-ebda grazzja mingħand Alla mingħajr taħbit kbir, talb kontinwu, xewqa ferventi, u ħafna dmugħ u mortifikazzjonijiet.”

Santa Briġita kellha rivelazzjonijiet dwar il-virtujiet u dak li kienet imdorrija tagħmel il-Verġni Mqaddsa fi tfulitha:- “Minn ċkunitha Marija kienet mimlija bl-Ispirtu s-Santu, u filwaqt li kibret fiż-żmien kibret ukoll fil-grazzja.  Minn dak in-nhar il-quddiem hija ddeċidiet li tħobb lil Alla b’qalbha kollha, sabiex qatt ma toffendih, sew bil-kliem jew bl-għemil; u għalhekk stmerret il-ħwejjeġ kollha ta’ din id-dinja.  Hija tat kull ma setgħet lill-foqra.  Kienet meqjusa fl-ikel tagħha, u kienet tiekol biss daqs kemm kien biżżejjed biex issaħħaħ lill-ġisimha.  Iktar tard, meta sabet fl-Iskrittura mqaddsa li Alla kellu jitwieled minn Verġni, biex ikun jista’ jifdi lid-dinja, ruħha tant xegħlet b’imħabba divina, li ma setgħet tixtieq u taħseb fuq xejn ħlief lil Alla; u billi sabet il-kuntentizza fiH biss, hija kienet taħrab kull kumpanija, saħansitra tal-ġenituri tagħha li ma jmurx li l-pereżenza tagħhom ma tħalihiex taħseb fih.  Hija xtaqet, bl-akbar ħerqa, li tgħix saż-żmien tal-miġja tal-Messija, sabiex tista’ tkun il-qaddejja ta’ dik il-Verġni xxurtjata, li stħaqqilha tkun Ommu.

Nafu wkoll mir-rivelazzjonijiet ta’ Santa Briġita, li “hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġinita tagħha lilu, u li ma jkollha xejn fid-dinja, u li tagħtih ir-rieda tagħha kollha kemm hi.

Sehem il-Verġni Marija fil-Misteru ta’ Kristu


mill-Enċiklika “Omm il-Feddej” tal-Papa Ġwanni Pawlu II  
 
1.  Omm il-Feddej għandha post preċiż fil-pjan tas-salvazzjoni, għaliex “meta waslet il-milja taż-żmimijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied.  U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba Missier!” (Gal4,4-6)
B’dan il-kliem ta’ l-Appostlu San Pawl San Pawl, li bih il-Konċilju Vatikan II beda jitkellem dwar il-Verġni Marija, jiena wkoll irrid nibda r-riflessjoni tiegħi dwar is-sehem tal-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu u dwar il-preżenza ħajja tagħha, ta’ eżempju mill-aqwa, fil-ħajja tal-Knisja.  Għaliex dan il-kliem fl-istess waqt ifakkar:
    •  l-imħabba tal-Missier, 
    • il-missjoni ta’ l-Iben, 
    • id-don tal-Ispirtu s-Santu, 
    •  il-mara li minnha twieled il-Feddej, u  
    •   l-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla fil-misteru tal-“milja taż-żmien”.
Din il-“milja" 
  • turi l-waqt magħżul sa minn dejjem, li fih il-Missier bagħat lil Ibnu biex “kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16); 
  • turi l-mument qaddis li fih “il-Verb li kien ma’ Alla …. sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1,1.14) u sar ħuna;  
  • turi l-mument li fih l-Ispirtu s-Santu, li ġa kien sawwab il-milja tal-grazzja f’Marija, ix-xebba ta’ Nazaret, sawwar fil-ġuf safi tagħha n-natura ta’ Kristu bħala bniedem.
Din il-”milja” 
  • turi l-waqt li fih Dak li hu minn dejjem daħal fiż-żmien, u ż-żmien innifsu ġie mifdi, u, mimli bil-misteru ta’ Kristu, sar darba għal dejjem “żmien ta’ salvazzjoni”.  U fl-aħħarnett,
din il-“milja” 
  • turi l-bidu misterjuż tal-mixja tal-Knisja.
Fil-Liturġja, l-Knisja ssellem lill-Verġni Marija ta’ Nazaret bħala l-istess bidu tal-Knisja, għaliex fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija tara mfissra, u mħabbra minn qabel fil-membru l-aktar għoli tagħha, l-grazzja tas-salvazzjoni ta’ l-Għid, u għaliex, fuq kollox, il-Knisja fl-Inkarnazzjoni tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ Marija marbutin flimkien b’rabta li ma tinħall qatt: ma’ Dak li hu s-sid u r-Ras tal-Knisja, ma’ Dik li meta qalet l-ewwel fiat tal-Patt il-Ġdid ħabbret il-qagħda tal-Knisja bħala Għarusa u Omm.      
2.  Imqawwija bil-preżenza ta’ Kristu (ara Mt. 28,20), il-Knisja timxi ’l quddiem matul iż-żminijiet sat-tmiem ta’ kollox sabiex tiltaqa’ mal-Mulej huwa u ġej.  Iżda f’dan il-mixi tagħha – u nixtieq dan ngħid minnufih – “l-Knisja tgħaddi mill-istess triq li minnha għaddiet il-Verġni Marija, li mxiet dejjem il-quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi u baqgħet iżżomm sħiħ, bil-fedeltà kollha, r-rabta tagħha ma’ Binha fuq is-salib”. (Lumen Gentium 58)


Tuesday, October 27, 2009

Marija hi: “Omm moħbija u mhix magħrufa”

mill-kitba ta’ San Alwiġi M. De Montfort
Marija għaddiet ħajja moħbija ħafna u għalhekk hi msejħa mill-Ispirtu s-Santu u mill-Knisja “Omm moħbija u mhix magħrufa”. L-Umilta tagħha kienet hekk kbira, li l-ikbar xewqa qawwija li kellha f’ħajjitha kienet li tibqa” moħbija għaliha nfisha u għan-nies, biex tkun magħrufa biss minn Alla waħdu.

It-talba tagħha lil Alla, kienet li Hu jżommha umli u fqira. It-tweġiba ta’ Alla kienet li qiegħed velu fuq ħajjitha biex jaħbi minn għajnejn il-bnedmin kollha l-konċepiment tagħha, twelidha, ħajjitha, l-qawmien tagħha mill-mewt, it-tlugħ tagħha fis-sema u l-misterji tagħha. Lanqas il-ġenituri tagħha ma kienu jafu xejn dwar il-kobor tagħha. L-Anġli ta’ spiss kienu jistaqsu wieħed lill-ieħor: ‘Min hi din?’ għaliex l-Aktar Għoli kien qed iżommha moħbija minnhom, u ħallihom f’għaġeb ikbar fuq dak li ma lemħux.

Alla l-Missier għoġbu li Marija ma tagħmel ebda miraklu pubbliku matul ħajjitha, għalkemm Hu kien taha s-setgħa li tagħmel dan. Alla l-Iben ried li hi rari titkellem, għalkemm hu kien taha l-għerf tiegħu. Minkejja l-fatt li Marija kienet l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla ppermetta li l-Appostli u l-Evanġelisti jitkellmu fuqha dak il-ftit biss li kien meħtieġ biex isir magħruf Ġesu Kristu.


  • Marija hi l-kapulavur eċċellenti ta’ l-Aktar Għoli, li l-għarfien u l-pussess tiegħu żammu għalih.
  • Marija hi l-Omm ta’ l-għaġeb ta’ l-Iben, li għoġbu jqiegħed velu fuqha biex jostorha matul ħajjitha, bi tweġiba għall-umilta tagħha.
  • Ġesu sejħilha “mara” bħalikieku kienet barranija filwaqt li f’qalbu kien iħobbha u jweġġagħha l-fuq mill-Anġli u l-bnedmin kollha.
  • Marija hi l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu riservata għalih biss.
  • Marija hi s-santwarju fejn tistrieħ it-Trinita Mqaddsa. Alla jinsab iktar preżenti f’Marija, bid-divinita u l-kobor tiegħu, milli fil-post fejn isaltan fuq il-kerubini u s-serafini u f’kull post ieħor fid-dinja. Hu privileġġ tassew kbir jekk xi ħlejqa, safja kemm hi safja, jkollha l-permess tidħol f’dak is-Santwarju.

Sunday, October 25, 2009

Marija hija Omm li tieħu ħsiebna


mill Enċiklika “Deus Caritas Est” tal-Papa Benedittu XVI dwar l-Imħabba Nisranija
Il-kliem indirizzati mill-Mulej imsallab lid-dixxiplu tiegħu – lil Ġwanni, u permezz tiegħu lid-dixxipli kollha ta’ Ġesu: “Ara, Ommok!” (Ġw 19:27) – huma mwettqin mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni.  Marija saret tassew l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu.
L-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien u post jirrikorru għall-ħniena tagħha ta’ omm u għas-safa u l-grazzja tagħha, fil-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom, fil-ferħ u n-niket tagħhom, fil-mumenti li jħossuhom waħedhom u fit-twettieq ta’ dmirijiethom.  Huma kontinwament iħossu r-rigal tat-tjubitha u l-imħabba bla waqfien li tferra’ mill-fond ta’ qalbha.  Ix-xhieda ta’ gratitudni, offruti lilha minn kull kontinent u kultura, huma għarfien ta’ dik l-imħabba safja li ma tfittixx lilha nnfisha iżda sempliċement trid il-ġid.
Fl-istess waqt, id-devozzjoni tal-fidili turi b’mod infallibli kif hi possibbli mħabba bħal din: hi ssir hekk b’riżultat ta’ għaqda l-iktar intima ma’ Alla, li permezz tagħha r-ruħ timtela għalkollox bih – kundizzjoni li tati l-ħila lil dawk li xorbu mill-għajn tal-imħabba ta’ Alla li jsiru huma wkoll għajn li minnha “jnixxu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:38).
Marija, Verġni u Omm, turina x’inhi l-imħabba u minn fejn tiġi u l-qawwa tagħha li tiġġedded kontinwament.  Lilha aħna nafdaw il-Knisja u l-missjoni tagħha fis-servizz ta’ l-imħabba:
 
Qaddisa Marija, Omm Alla,
Int tajt lid-dinja id-dawl veru,
Ġesu, Ibnek – l-Iben ta’ Alla.
Int intlaqt għalkollox
għas-sejħa ta’ Alla
u b’hekk sirt ghajn
tat-tjubija li tfawwar minnu.
Urina lil Ġesu.  Mexxina lejh.
Għallimna ngħarfuh u nħobbuh,
sabiex aħna wkoll nistgħu nsiru
kapaċi nħobbu tassew
u nkunu għejjun ta’ ilma ħaj
fost dinja għatxana.

Saturday, October 24, 2009

Marija hi mera tal-Qdusija


mill Enċiklika “Deus Caritas Est” tal-Papa Benedittu XVI

Il-kobor ta’ Marija hu li trid tkabbar lil Alla, mhux lilha nfisha.

Hi umli: x-xewqa waħdanija tagħha hi li tkun il-qaddejja tal-Mulej (ara Lq. 1:38).  Hi taf li tista’ tgħati sehmha għal-fidwa tad-dinja biss jekk, iktar milli twettaq il-proġetti tagħha, tqiegħed lilha nfisha għalkollox għad-dispożizzjoni tal-inizjattivi t’Alla.

Marija hi mara ta’ tama: għax biss, minħabba li temmen fil-wegħdiet t’Alla u tistenna l-fidwa ta’ Iżrael, li l-anġlu jista’ jżurha u jsejħilha għal qadi deċisiżv ta’ dawn il-wegħdiet.

Marija hi mara ta’ fidi: “Imbierka int li emmint”, Eliżabetta tgħidilha (ara Lq. 1:45).  Il- Magnificat - ritratt, biex ngħidu hekk, ta’ ruħha – hu għalkollox minsuġ mil-ħjut tal-Kotba Mqaddsa, ħjut meħudin mill-Kelma t’Alla.  Hawn naraw kemm Marija hi għalkollox midħla tal-Kelma t’Alla, b’faċilita hija tidħol u toħroġ minnha.  Hija titkellem u taħseb bil-Kelma t’Alla; l-Kelma t’Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma t’Alla.  Hawn naraw kemm ħsibijietha huma ntunati ma’ ħsibijiet Alla, kif ir-rieda tagħha hi mwaħħda mar-rieda t’Alla.  Ġaladarba Marija hi mimlija għalkollox bil-Kelma t’Alla, hi tista’ ssir l-Omm tal-Kelma Nkarnata.

Fl-aħħarnett, Marija hi mara li tħobb.  Kif jista’ jkun mod ieħor?  Bħala waħda li temmen li bil-fidi taħseb bil-ħsibijiet t’Alla u trid bir-rieda t’Alla, hi ma tistax tonqos li tkun mara li tħobb.  Aħna nħossu dan fil-movimenti siekta tagħha, kif miktubin fir-rakkonti tal-infanzja fl-Evanġelju.  Aħna narawha fid-delikatezza li biha tagħraf il-ħtieġa tal-għarajjes f’Kana u turiha lil Ġesu.  Aħna narawha fl-umilta li biha toqgħod wara l-kwinti matul il-ħajja pubblika ta’ Ġesu, billi taf li l-Iben għandu jwaqqaf familja ġdida u li s-siegħa tal-Omm għad tasal biss mas-Salib, li se tkun tassew is-siegħa ta’ Ġesu (ara Ġw 2:4; 13:1).  Meta d-dixxipli jaħarbu, Marija se tibqa’ taħt is-Salib (ara Ġw 19:25-27); wara, fis-siegħa tal-Pentekoste, jkunu huma li jinġabru madwarha waqt li jistennew lill-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14).


Marija hija mudell tal-Karita

mill-Enċiklika "Deus Caritas Est" tal-Papa Benedittu XVI


Il-qaddisin, li għamlu karita b’mod eżemplari ... jispikkaw bħala mudelli dejjiema tal-karita soċjali għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-qaddisin tassew idawwlu l-istorja, għaliex huma irġiel u nisa ta’ fidi u mħabba.
Fost il-qaddisin tispikka Marija, Omm il-Mulej u mera ta’ kull qdusija. Fl-Evanġelju ta’ Luqa narawha mhedija fil-qadi tal-karita mal-kuġina tagħha Eliżabetta, li magħha baqgħet għal “madwar tlett xhur” (Lq 1:56) sabiex taqdiha fl-aħħar fażi tat-tqala tagħha. Fl-okkażżjoni ta’ dik iż-żjara, hija qalet, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”, (Lq 1:46). F’dawn il-kliem hi tesprimi l-programm kollu ta’ ħajjitha: mhux li tpoġġi lilha nfisha fiċ-ċentru, iżda tħalli l-wisa’ għal Alla, li jinstab kemm fit-talb kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu – b’hekk biss tidħol t-tjubija fid-dinja.

Il-ħajjiet tal-qaddisin mhumiex limitati għall-bijografija ta’ ħajjithom fuq l-art iżda jinkludu l-eżistenza u l-ħidma tagħhom f’Alla wara l-mewt. Fil-qaddisin ħaġa waħda tidher ċara: dawk li jersqu lejn Alla ma jitbegħdux mill-bnedmin, iżda saħansitra jitqarrbu tassew lejhom. F’ħadd ma naraw dan b’mod daqshekk ċar daqs f’Marija.