Sunday, October 25, 2009

Marija hija Omm li tieħu ħsiebna


mill Enċiklika “Deus Caritas Est” tal-Papa Benedittu XVI dwar l-Imħabba Nisranija
Il-kliem indirizzati mill-Mulej imsallab lid-dixxiplu tiegħu – lil Ġwanni, u permezz tiegħu lid-dixxipli kollha ta’ Ġesu: “Ara, Ommok!” (Ġw 19:27) – huma mwettqin mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni.  Marija saret tassew l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu.
L-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien u post jirrikorru għall-ħniena tagħha ta’ omm u għas-safa u l-grazzja tagħha, fil-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom, fil-ferħ u n-niket tagħhom, fil-mumenti li jħossuhom waħedhom u fit-twettieq ta’ dmirijiethom.  Huma kontinwament iħossu r-rigal tat-tjubitha u l-imħabba bla waqfien li tferra’ mill-fond ta’ qalbha.  Ix-xhieda ta’ gratitudni, offruti lilha minn kull kontinent u kultura, huma għarfien ta’ dik l-imħabba safja li ma tfittixx lilha nnfisha iżda sempliċement trid il-ġid.
Fl-istess waqt, id-devozzjoni tal-fidili turi b’mod infallibli kif hi possibbli mħabba bħal din: hi ssir hekk b’riżultat ta’ għaqda l-iktar intima ma’ Alla, li permezz tagħha r-ruħ timtela għalkollox bih – kundizzjoni li tati l-ħila lil dawk li xorbu mill-għajn tal-imħabba ta’ Alla li jsiru huma wkoll għajn li minnha “jnixxu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:38).
Marija, Verġni u Omm, turina x’inhi l-imħabba u minn fejn tiġi u l-qawwa tagħha li tiġġedded kontinwament.  Lilha aħna nafdaw il-Knisja u l-missjoni tagħha fis-servizz ta’ l-imħabba:
 
Qaddisa Marija, Omm Alla,
Int tajt lid-dinja id-dawl veru,
Ġesu, Ibnek – l-Iben ta’ Alla.
Int intlaqt għalkollox
għas-sejħa ta’ Alla
u b’hekk sirt ghajn
tat-tjubija li tfawwar minnu.
Urina lil Ġesu.  Mexxina lejh.
Għallimna ngħarfuh u nħobbuh,
sabiex aħna wkoll nistgħu nsiru
kapaċi nħobbu tassew
u nkunu għejjun ta’ ilma ħaj
fost dinja għatxana.

No comments:

Post a Comment