Saturday, October 24, 2009

Marija hi mera tal-Qdusija


mill Enċiklika “Deus Caritas Est” tal-Papa Benedittu XVI

Il-kobor ta’ Marija hu li trid tkabbar lil Alla, mhux lilha nfisha.

Hi umli: x-xewqa waħdanija tagħha hi li tkun il-qaddejja tal-Mulej (ara Lq. 1:38).  Hi taf li tista’ tgħati sehmha għal-fidwa tad-dinja biss jekk, iktar milli twettaq il-proġetti tagħha, tqiegħed lilha nfisha għalkollox għad-dispożizzjoni tal-inizjattivi t’Alla.

Marija hi mara ta’ tama: għax biss, minħabba li temmen fil-wegħdiet t’Alla u tistenna l-fidwa ta’ Iżrael, li l-anġlu jista’ jżurha u jsejħilha għal qadi deċisiżv ta’ dawn il-wegħdiet.

Marija hi mara ta’ fidi: “Imbierka int li emmint”, Eliżabetta tgħidilha (ara Lq. 1:45).  Il- Magnificat - ritratt, biex ngħidu hekk, ta’ ruħha – hu għalkollox minsuġ mil-ħjut tal-Kotba Mqaddsa, ħjut meħudin mill-Kelma t’Alla.  Hawn naraw kemm Marija hi għalkollox midħla tal-Kelma t’Alla, b’faċilita hija tidħol u toħroġ minnha.  Hija titkellem u taħseb bil-Kelma t’Alla; l-Kelma t’Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma t’Alla.  Hawn naraw kemm ħsibijietha huma ntunati ma’ ħsibijiet Alla, kif ir-rieda tagħha hi mwaħħda mar-rieda t’Alla.  Ġaladarba Marija hi mimlija għalkollox bil-Kelma t’Alla, hi tista’ ssir l-Omm tal-Kelma Nkarnata.

Fl-aħħarnett, Marija hi mara li tħobb.  Kif jista’ jkun mod ieħor?  Bħala waħda li temmen li bil-fidi taħseb bil-ħsibijiet t’Alla u trid bir-rieda t’Alla, hi ma tistax tonqos li tkun mara li tħobb.  Aħna nħossu dan fil-movimenti siekta tagħha, kif miktubin fir-rakkonti tal-infanzja fl-Evanġelju.  Aħna narawha fid-delikatezza li biha tagħraf il-ħtieġa tal-għarajjes f’Kana u turiha lil Ġesu.  Aħna narawha fl-umilta li biha toqgħod wara l-kwinti matul il-ħajja pubblika ta’ Ġesu, billi taf li l-Iben għandu jwaqqaf familja ġdida u li s-siegħa tal-Omm għad tasal biss mas-Salib, li se tkun tassew is-siegħa ta’ Ġesu (ara Ġw 2:4; 13:1).  Meta d-dixxipli jaħarbu, Marija se tibqa’ taħt is-Salib (ara Ġw 19:25-27); wara, fis-siegħa tal-Pentekoste, jkunu huma li jinġabru madwarha waqt li jistennew lill-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14).


No comments:

Post a Comment