Saturday, October 24, 2009

Marija hija mudell tal-Karita

mill-Enċiklika "Deus Caritas Est" tal-Papa Benedittu XVI


Il-qaddisin, li għamlu karita b’mod eżemplari ... jispikkaw bħala mudelli dejjiema tal-karita soċjali għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-qaddisin tassew idawwlu l-istorja, għaliex huma irġiel u nisa ta’ fidi u mħabba.
Fost il-qaddisin tispikka Marija, Omm il-Mulej u mera ta’ kull qdusija. Fl-Evanġelju ta’ Luqa narawha mhedija fil-qadi tal-karita mal-kuġina tagħha Eliżabetta, li magħha baqgħet għal “madwar tlett xhur” (Lq 1:56) sabiex taqdiha fl-aħħar fażi tat-tqala tagħha. Fl-okkażżjoni ta’ dik iż-żjara, hija qalet, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”, (Lq 1:46). F’dawn il-kliem hi tesprimi l-programm kollu ta’ ħajjitha: mhux li tpoġġi lilha nfisha fiċ-ċentru, iżda tħalli l-wisa’ għal Alla, li jinstab kemm fit-talb kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu – b’hekk biss tidħol t-tjubija fid-dinja.

Il-ħajjiet tal-qaddisin mhumiex limitati għall-bijografija ta’ ħajjithom fuq l-art iżda jinkludu l-eżistenza u l-ħidma tagħhom f’Alla wara l-mewt. Fil-qaddisin ħaġa waħda tidher ċara: dawk li jersqu lejn Alla ma jitbegħdux mill-bnedmin, iżda saħansitra jitqarrbu tassew lejhom. F’ħadd ma naraw dan b’mod daqshekk ċar daqs f’Marija.

No comments:

Post a Comment