Tuesday, October 27, 2009

Marija hi: “Omm moħbija u mhix magħrufa”

mill-kitba ta’ San Alwiġi M. De Montfort
Marija għaddiet ħajja moħbija ħafna u għalhekk hi msejħa mill-Ispirtu s-Santu u mill-Knisja “Omm moħbija u mhix magħrufa”. L-Umilta tagħha kienet hekk kbira, li l-ikbar xewqa qawwija li kellha f’ħajjitha kienet li tibqa” moħbija għaliha nfisha u għan-nies, biex tkun magħrufa biss minn Alla waħdu.

It-talba tagħha lil Alla, kienet li Hu jżommha umli u fqira. It-tweġiba ta’ Alla kienet li qiegħed velu fuq ħajjitha biex jaħbi minn għajnejn il-bnedmin kollha l-konċepiment tagħha, twelidha, ħajjitha, l-qawmien tagħha mill-mewt, it-tlugħ tagħha fis-sema u l-misterji tagħha. Lanqas il-ġenituri tagħha ma kienu jafu xejn dwar il-kobor tagħha. L-Anġli ta’ spiss kienu jistaqsu wieħed lill-ieħor: ‘Min hi din?’ għaliex l-Aktar Għoli kien qed iżommha moħbija minnhom, u ħallihom f’għaġeb ikbar fuq dak li ma lemħux.

Alla l-Missier għoġbu li Marija ma tagħmel ebda miraklu pubbliku matul ħajjitha, għalkemm Hu kien taha s-setgħa li tagħmel dan. Alla l-Iben ried li hi rari titkellem, għalkemm hu kien taha l-għerf tiegħu. Minkejja l-fatt li Marija kienet l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla ppermetta li l-Appostli u l-Evanġelisti jitkellmu fuqha dak il-ftit biss li kien meħtieġ biex isir magħruf Ġesu Kristu.


  • Marija hi l-kapulavur eċċellenti ta’ l-Aktar Għoli, li l-għarfien u l-pussess tiegħu żammu għalih.
  • Marija hi l-Omm ta’ l-għaġeb ta’ l-Iben, li għoġbu jqiegħed velu fuqha biex jostorha matul ħajjitha, bi tweġiba għall-umilta tagħha.
  • Ġesu sejħilha “mara” bħalikieku kienet barranija filwaqt li f’qalbu kien iħobbha u jweġġagħha l-fuq mill-Anġli u l-bnedmin kollha.
  • Marija hi l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu riservata għalih biss.
  • Marija hi s-santwarju fejn tistrieħ it-Trinita Mqaddsa. Alla jinsab iktar preżenti f’Marija, bid-divinita u l-kobor tiegħu, milli fil-post fejn isaltan fuq il-kerubini u s-serafini u f’kull post ieħor fid-dinja. Hu privileġġ tassew kbir jekk xi ħlejqa, safja kemm hi safja, jkollha l-permess tidħol f’dak is-Santwarju.

No comments:

Post a Comment