Thursday, October 28, 2010

Kif Titlob ir-Rużarju

L-Arċisqof Fulton Sheen qal: “Ir-Rużarju huwa l-ktieb tal-għomja, fejn l-erwieħ jaraw u hemmhekk tinħadem l-ikbar drama tal-imħabba li qatt rat id-dinja; huwa l-ktieb ta’ nies komuni, li jdaħħalhom fil-misteri u l-għerf li jissodisfa wisq aktar mit-tagħlim ta’ nies oħra; huwa l-ktieb tal-anzjani, li għajnejhom jingħalqu għad-dellijiet ta’ din id-dinja, u jinfetħu għar-realtà li għad trid tiġi. Il-qawwa tar-Rużarju ma jistax jitfisser.”
__________________________________________________________________________


Filwaqt li r-Rużarju u l-indulġenzi li l-Knisja rabtet miegħu japplikaw għall-posti u l-meditazzjon fuq il-misteri biss, dan li ġej hu kif soltu jinbeda u jintemm ir-Rużarju.

1. Tħejjija

Ibda billi trod is-Salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Imbagħad għid il-Kredu:
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u l-art;
u f’Ġesú Kristu, Ibnu wieħed Sidna;
li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu,
twieled minn Marija Verġni;
bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilat,
sallbuh, miet u difnuh;
niżel il-Limbu,
mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet;
tela’ fis-smewwiet,
qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox;
minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu;
l-Knisja Mqaddsa Kattolika,
x-Xirka tal-Qaddisin;
il-maħfra tad-dnubiet;
il-qawma ta’ l-imwiet;
il-ħajja ta’ dejjem.

Ammen

Imbagħad għid:
Missierna”                      waħda (1)
Sliema Għalik Marija”  tlieta (3)       (għal virtujiet tal-Fidi, t-Tama u l-Imħabba),
Glorja”                            waħda (1)

(1) - Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.  Ammen.

(3) - Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija. Il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina, midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna.  Ammen.

(1) - Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem.  Ammen.

__________________________________________________________________________

2. Ir-Rużarju nnifsu
Ir-Rużarju innifsu huwa l-posti u l-misteri marbutin magħhom, u dawn biss huma meħtieġa li jintalbu biex “titlob ir-Rużarju”, kemm skond it-talba tal-Madonna, kif ukoll biex jintrebħu l-indulġenzi marbutin mat-talb tar-Rużarju.


Ir-Rużarju tradizzjonali kien mqassam fi tlett taqsimiet, kull waħda fiha ħames misteri: Tal-Ferħ, tat-Tbatija, u tal-Glorja.


Għal dawk li kienu jixtiequ jgħidu biss 5 posti kull jum, dawn kienu jingħadu skond din it-tabella:

It-Tnejn       It-Tlieta           l-Erbgħa        Il-Ħamis       Il-Ġimgħa        Is-Sibt            Il-Ħadd
tal-Ferħ       tat-Tbatija       tal-Glorja       tal-Ferħ        tat-Tbatija       tal-Glorja       tal-Glorja

Fl-ittra appostolika tiegħu Ir-Rużarju tal-Verġni Marija, l-Papa Ġwanni Pawlu II ippropona sett ġdid ta’ misteri, li hu sejħilhom tad-Dawl, u li jitrattaw iż-żmien tal-ħajja pubblika tal-Mulej Tagħna. Għal dawk li jixtiequ jgħidu l-20 posta kollha f’daqqa matul ġurnata waħda, huma jistgħu jingħadu f’dan l-ordni: tal-Ferħ, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja.


Għal dawk li jixtiequ jgħidu biss 5 posti kull jum, il-Papa ippropona din it-tabella:
It-Tnejn        It-Tlieta            l-Erbgħa          Il-Ħamis         Il-Ġimgħa        Is-Sibt          Il-Ħadd
Tal-Ferħ       Tat-Tbatija       Tal-Glorja       tad-Dawl        tat-Tbatija       Tal-Ferħ       Tal-Glorja

Għal kull Misteru, filwaqt li timmedita fuq il-Misteri, rreċita:

Missierna”                      waħda (1)      (fuq iż-żibeġ il-kbar)
Sliema Għalik Marija”  għaxra (10)  (fuq iż-żibeġ iż-żgħar)
Glorja”                            waħda (1)     (qabel iż-żibġa l-kbira li jmiss)
biex tkun għedt posta sħiħa tar-rużarju.


Wara kull Misteru tingħad “it-Talba ta’ Fatima” (Papa Piju XII).

O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna eħlisna min-nar ta’ l-infern, ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn tal-ħniena Tiegħek.

__________________________________________________________________________

3. It-Talb tal-Għeluq
Wara li jingħadu ħames misteri (5 posti), jew 15 jew 20, is-soltu jingħad dan li ġej:


Sliema Għalik Sultana (jew tista’ titkanta is-Salve Regina)

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik. Lilek ingħajjtu, għaliex aħna tturufnati, ulied Eva; lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. Ejja, mela, avukata tagħna, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena; u wrina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek. O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.  Ammen.

V. Itlob għalina qaddisa Omm Alla.
R. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.

Talba tar-Rużarju

Nitlobu.

O Alla, li bil-ħajja, l-mewt u l-qawmien Tiegħu, Ibnek il-waħdieni qalgħalna l-premju tal-fidwa eterna. Għatina, nitolbuk, li waqt li nimmeditaw fuq dawn il-misteri tar-Rużarju mqaddes tal Verġni Mbierka Marija, nimxu fuq dak li fihom u naqligħu dak li jwiegħdu, bi Kristu Sidna.  Ammen.

Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù,        ħenn għalina.
Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija,   itlob għalina

__________________________________________________________________________

4. Għall-Intenzjonijiet tal-Papa
Il-Kattoliċi li jgħidu r-Rużarju fi grupp, jew, waħedhom quddiem Ġesù-Sagramentat, jistgħu jirbħu ndulġenza plenarja bil-kondizzjoniet tas-soltu, li jinkludu talba għall-intenzjonijiet tal-Papa.

Għall-ingtenzjonijiet tal-Papa:

Missierna,
Sliema Għalik Marija, u
Glorja.

__________________________________________________________________________

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Ammen.

No comments:

Post a Comment