Saturday, October 30, 2010

Konsagrazzjoni lill-Madonna tad-Duluri

Marija Verġni l-iktar qaddisa u Sultana tal-Martri, mhux li kont nista’ nkun fil-Ġenna, biex hemm nikkontempla l-ġieħ mogħti lilek mit-Trinità l-Iktar Qaddisa u mill-Qorti kollu tas-Sema!  Iżda ladarba jien għadni pellegrin f’dan il-wied tad-dmugħ, ilqa’ mingħandi, qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli u midneb imsejken, il-qima l-iktar sinċiera u l-att ta’ fiduċja l-iktar perfetta li ħlejqa umana tista’ toffrilek.
Fil-Qalb Bla Tebgħa tiegħek, minfuda minn tant sjuf ta’ niket, illum jiena nqiegħed għal dejjem ir-ruħ imsejkna tiegħi; ilqgħani biex nieħu sehem fid-duluri tiegħek, u tħalli qatt li jiena nitbiegħed minn dak is-Salib li fuqu ibnek il-waħdieni miet għalija.
Miegħek, O Marija, jien nissaporti t-tbatijiet, il-kotradizzjonijiet, u l-mard kollu li għad iżuruni f’din il-ħajja skond kif jogħġob lill-Iben Divin tiegħek.  Dawn kollha noffrihomlok b’tifkira tad-Duluri li inti batejt matul ħajtek, sabiex mil-lum il-quddiem kull ħsieb ta’ moħħi, kull taħbita ta’ qalbi jkunu att ta’ mogħdrija għan-Niket tiegħek, u ta’ sodisfazzjon għall–qima li inti tgawdi fil-Ġenna.
Għalhekk, ja Omm Għażiża, jien issa nagħder id-Duluri tiegħek, u nifraħ li narak imweġġgħa, ikollok inti wkoll mogħdrija minni, u erġa’ ħabbibni ma’ Ibnek Ġesù, sabiex nista’ nsir iben tiegħek veru u fidil; ejja fl-aħħar jum ta’ ħajti u  għinni fl-aħħar agunija tiegħi, kif inti kont preżenti fl-Agunija tal-Iben Divin tiegħek Ġesù, sabiex minn dan it-turufnament ta’ tbatija nkun nista’ mmur il-Ġenna, fejn hemm naqsam miegħek fil-glorja.  Ammen.

No comments:

Post a Comment